Aqbeż għall-kontentut

Istmu Kuronjan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-ajru tal-Istmu Kuronjan

L-Istmu Kuronjan (bil-Litwan: Kuršių nerija; bir-Russu: Ку́ршская коса́ (b’ittri Rumani: Kurshskaya kosa); bil-Ġermaniż: Kurische Nehrung; bl-Ingliż: Curonian Spit) huwa istmu twil 98 kilometru, irqiq u f’għamla ta’ kurva, magħmul mid-duni tar-ramel, li jissepara l-Laguna Kuronjana mill-kosta tal-Baħar Baltiku. Il-parti tan-Nofsinhar tiegħu tagħmel parti mill-Oblast ta’ Kaliningrad, ir-Russja, filwaqt li l-parti tat-Tramuntana tiegħu tagħmel parti mil-Lbiċ tal-Kontea ta’ Klaipėda, il-Litwanja. L-istmu huwa Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO transnazzjonali, kondiviż bejn iż-żewġ pajjiżi.[1]

Mappa tal-Istmu Kuronjan

L-Istmu Kuronjan irqiq huwa estiż mill-Peniżola ta’ Sambia fin-Nofsinhar sal-belt portwali ta’ Klaipėda fuq l-art kontinentali tal-Litwanja fit-Tramuntana. Il-parti tat-Tramuntana tal-Istmu Kuronjan, li hija twila 52 km, tappartjeni għall-Kontea ta’ Klaipėda, il-Litwanja, filwaqt li l-kumplament tal-istmu jappartjeni għall-Oblast ta’ Kaliningrad, ir-Russja. Il-wisa’ tal-istmu tvarja minn minimu ta’ 400 metru fir-Russja (ħdejn il-villaġġ ta’ Lesnoy) sa massimu ta’ 3,800 metru fil-Litwanja (fit-Tramuntana ta’ Nida).

Storja ġeoloġika

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istmu Kuronjan ġie ffurmat għall-ħabta tat-tielet millenju Q.K.[2] Is-sies tal-istmu huwa ffurmat minn morena glaċjali, filwaqt li maż-żmien, ir-riħ u l-kurrenti tal-baħar ġarrew biżżejjed ramel biex jgħola sew ’il fuq mil-livell tal-baħar b’mod permanenti.[1]

L-eżistenza ta’ dan l-istmu rqiq magħmul mir-ramel hija min-natura tiegħu dejjem mhedda mill-proċessi naturali li jsawru l-karatteristiċi tal-kosta. L-istmu jiddependi fuq bilanċ dinamiku bejn it-trasport u d-depożitu tar-ramel. Li kieku (ipotetikament) iż-żona tas-sors tar-ramel lejn il-Lbiċ kellha tinqata’ għaliha, pereżempju bil-kostruzzjoni ta’ xi moll u port kbir, l-istmu jispiċċa jittiekel bl-erożjoni u eventwalment jisparixxi. Għaldaqstant jitqies bħala element kostali effimeru ġeoloġikament. Madankollu, l-iżvilupp li x’aktarx jiġri maż-żmien hu li l-bajja baxxa fi ħdan l-Istmu Kuronjan eventwalment timtela bis-sedimenti, u b’hekk tifforma art ġdida.[1]

Skont il-mitoloġija Baltika, l-Istmu Kuronjan ġie ffurmat minn tifla ġgant jisimha Neringa, li kienet qed tilgħab max-xatt tal-baħar. Din it-tifla ġgant tidher fi ħrejjef oħra (f’uħud minnhom tiġi deskritta bħala żagħżugħa b’saħħitha, simili għall-verżjoni femminili ta’ Erakliju).

Minn bejn wieħed u ieħor is-sena 800 sal-1016, fl-istmu kien hemm l-insedjament ta’ Kaup, ċentru kummerċjali pagan ewlieni li għadu ma ġiex skavat. Il-Kavallieri Tewtoniċi okkupaw iż-żona fis-seklu 13, u bnew il-kastelli tagħhom f’Memel (1252), f’Neuhausen (1283), u f’Rossitten (1372). L-Istmu Kuronjan jaf kien il-post fejn kien jgħix l-aħħar kelliem tal-Prussjan Antik, lingwa Baltika li issa hija estinta.

Iż-żona popolata ta’ Kursenieki fl-1649

Insedjament ta’ Kursenieki

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-seklu 16 beda jkun hemm impatti umani sinifikanti fiż-żona.[2] Id-deforestazzjoni tal-istmu minħabba ragħa żejda, il-ħsad tal-injam, u l-bini tal-bastimenti għall-Battalja ta’ Gross-Jägersdorf fl-1757 wasslu biex l-istmu jinħakem mid-duni u villaġġi sħaħ intradmu mir-ramel. Allarmat b’dawn il-problemi, il-gvern tal-Prussja sponsorja sforzi ta’ veġetazzjoni u forestazzjoni mill-ġdid fuq skala kbira, li bdew fl-1825. Bis-saħħa ta’ dawn l-isforzi, ħafna mill-istmu attwalment huwa miksi bil-foresti.

Fis-seklu 19, l-Istmu Kuronjan kien abitat primarjament mill-komunità ta’ Kursenieki, b’minoranza Ġermaniża sinifikanti fin-Nofsinhar u minoranza Litwana fit-Tramuntana. Il-popolazzjoni ta’ Kursenieki eventwalment naqset minħabba assimilazzjoni u raġunijiet oħra. Mill-1945, meta l-komunità kienet saret etnikament Ġermaniża, sa llum, il-komunità kważi għebet għalkollox.

Kolonja tal-Artisti

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-dar tal-villeġġjatura ta’ Thomas Mann

Mill-aħħar tas-seklu 19, il-pajsaġġ tad-duni madwar Nidden sar popolari mal-artisti li jħobbu jpittru l-pajsaġġi u l-annimali u li kienu jiffurmaw parti mill-iskola tal-arti Kunstakademie Königsberg. Il-berġa lokali ta’ Herman Blode kienet in-nukleu tal-kolonja tal-artisti tal-Espressjoniżmu (Künstlerkolonie Nidden). Lovis Corinth qagħad hemm fl-1890, segwit minn artisti oħra bħal Max Pechstein, Alfred Lichtwark, Karl Schmidt-Rottluff, u Alfred Partikel. L-artisti minn Königsberg bħal Julius Freymuth u Eduard Bischoff żaru ż-żona, kif għamlu poeti bħal Ernst Wiechert u Carl Zuckmayer, u viżitaturi oħra bħal Ernst Kirchner, Ernst Mollenhauer, Franz Domscheit, u Herrmann Wirth. L-artisti kienu joqogħdu fil-berġa ta’ Blode, u wħud ħallewlu xi xogħlijiet minn tagħhom. Oħrajn bnew ukoll ir-residenzi tagħhom fil-qrib.[3]

Veduta mill-ajru tal-Istmu Kuronjan

Sas-seklu 20, il-biċċa l-kbira tan-nies li kienu jgħixu fiż-żona kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom mis-sajd. Mill-1901 sal-1946, il-villaġġ ta’ Rossitten, issa Rybachy, sar is-sit pijunier bħala Osservatorju tal-Għasafar, l-ewwel wieħed fid-dinja, stabbilit hemmhekk mill-ornitologu Ġermaniż Johannes Thienemann minħabba l-importanza tal-Istmu Kuronjan bħala kuritur tal-passa tal-għasafar.

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, Nidden, flimkien man-nofs tat-Tramuntana tal-Istmu Kuronjan, sar parti mir-Reġjun ta’ Klaipėda skont it-Trattat ta’ Versailles tal-1919 u ġie anness mil-Litwanja fl-1923. Il-villaġġ ingħata l-isem uffiċjali ta’ Nida, għalkemm il-villaġġ baqa’ insedjament b’maġġoranza Ġermaniża — il-fruntiera man-nofs l-ieħor tal-istmu tal-Lvant tal-Prussja kienet tinsab biss ftit kilometri ’l bogħod lejn in-Nofsinhar.

Fl-1929, il-kittieb rebbieħ tal-Premju Nobel Thomas Mann żar il-villaġġ ta’ Nida meta kien bil-vaganzi f’Rauschen fil-qrib u ddeċieda li jibni dar tal-villeġġjatura fuq għolja li tħares fuq il-Laguna, li n-nies tal-post laqqmu bħala l-Għorfa taz-Ziju Tumas (Onkel Toms Hütte). Flimkien mal-familja tiegħu qatta’ s-sjuf tal-1930-1932 hawnhekk, li huwa ddeskriva f’partijiet mir-rumanz epiku tiegħu Ġużeppi u l-Aħwa tiegħu (Joseph und seine Brüder) li kiteb hemmhekk. Mhedded min-Nażisti, Mann telaq mill-Ġermanja wara l-Machtergreifung ta’ Hitler fl-1933 u qatt ma rritorna lejn Nida. Wara li r-Reġjun ta’ Klaipėda reġa’ ġie anness mill-Ġermanja Nażista fl-1939, id-dar tiegħu ġiet issekwestrata fuq l-ordni ta’ Hermann Göring u ntużat bħala binja rikreattiva għall-uffiċjali tal-Luftwaffe.

Il-popolazzjoni Ġermaniża ġiet imkeċċija bil-forza wara t-Tieni Gwerra Dinjija mill-forzi Sovjetiċi tal-okkupazzjoni, u wara kien hemm proċess ta’ tindif etniku mifrux. Fl-Oblast ta’ Kaliningrad, l-assimilazzjoni tat-territorju u l-kolonizzazzjoni mill-insedjaturi Russi ġiet ikkompletata bit-tibdil tat-toponimi Ġermaniżi storiċi b’ismijiet Russi fil-parti tal-istmu kkontrollata mir-Russja.[4]

Żminijiet kontemporanji

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li l-Unjoni Sovjetika sfaxxat, it-turiżmu tkattar; ħafna Ġermaniżi, l-iktar dixxendenti tal-abitanti taż-żona, iqattgħu l-btajjel tagħhom fl-Istmu Kuronjan, speċjalment f’Nida, peress li l-parti tal-istmu fil-Litwanja ma teħtieġx viża.

Wieħed mill-bosta pinnuri tradizzjonali f’Nida

Filwaqt li llum il-komunità ta’ Kursenieki, magħrufa wkoll bħala Kuršininkai, hija grupp etniku Baltiku kważi estint li jgħix tul l-Istmu Kuronjan, fl-1649 l-insedjament ta’ Kuršininkai kien mifrux minn Memel (Klaipėda) sa Danzig (Gdańsk). Il-komunità ta’ Kuršininkai ġiet assimilata mill-Ġermaniżi, għajr tul l-Istmu Kuronjan fejn għad hemm xi individwi jgħixu hemmhekk. Il-komunità ta’ Kuršininkai kienet meqjusa komunità Latvjana sa wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, meta l-Latvja kisbet l-indipendenza mill-Imperu Russu, abbażi ta’ argumenti lingwistiċi. Dan kien ir-raġunament li ntuża mil-Latvjani biex isostnu li għandhom rabta mal-Istmu Kuronjan, ma’ Memel u ma’ territorji oħra tal-Lvant tal-Prussja, li iktar ’il quddiem ma baqax jiġi sostnut.

Qagħda attwali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istmu Kuronjan fih l-ogħla duni tar-ramel mobbli fl-Ewropa. L-għoli medju tad-duni huwa 35 metru, iżda wħud minnhom ġieli jlaħħqu għoli ta’ saħansitra 60 metru. Jgħixu diversi komunitajiet ekoloġiċi fuq l-istmu jew fil-madwar, mill-bajjiet l-iktar fuq barra tiegħu sad-duni, l-artijiet mistagħdra, il-mergħat u l-foresti. L-istmu jinsab eżatt minn fejn tħaddi r-rotta tal-passa tal-għasafar tal-Atlantiku tal-Lvant, u b’hekk spiss iżuruh għasafar tal-ilma li jpassu tul dik ir-rotta. Bejn 10 u 20 miljun għasfur itiru minn fuq l-Istmu Kuronjan matul il-passa tar-rebbiegħa u tal-ħarifa, u bosta jieqfu jistrieħ jew jitnisslu hemmhekk.[5]

Kemm in-naħa Russa kif ukoll in-naħa Litwana tal-istmu huma parks nazzjonali.

L-insedjamenti tal-Istmu Kuronjan (mit-Tramuntana san-Nofsinhar) huma:

  • Smiltynė
  • Alksnynė
  • Juodkrantė
  • Pervalka
  • Preila
  • Nida
  • Morskoe
  • Rybachy
  • Lesnoy
Id-duni tal-Istmus Kuronjan

L-ewwel sitta jinsabu fuq in-naħa Litwana, filwaqt li l-aħħar tlieta jinsabu fuq in-naħa Russa. In-naħa Russa tal-Istmu Kuronjan tappartjeni għad-Distrett ta’ Zelenogradsky tal-Oblast ta’ Kaliningrad, filwaqt li n-naħa Litwana hija maqsuma bejn il-muniċipalità tal-belt ta’ Klaipėda u l-muniċipalità ta’ Neringa fil-Kontea ta’ Klaipėda.

Hemm triq waħda li taqsam it-tul kollu tal-Istmu Kuronjan. Fin-naħa Russa tagħti għal Zelenogradsk, filwaqt li fin-naħa Litwana tagħti għal Smiltynė. L-istmu mhuwiex konness mal-art kontinentali tal-Litwanja. Hemm laneċ li jittrasportaw il-karozzi bejn Smiltynė, l-istmu u l-belt portwali ta’ Klaipėda.

Dan l-aħħar kien hemm talba biex għadd ta’ djar fl-Istmu Kuronjana jitwaqqgħu. Dawn id-djar huma proprjetà ta’ nies li kienu ngħataw permess dubjużi fl-imgħoddi. It-talba li d-djar jitwaqqgħu hija bbażata fuq il-fatt li l-Istmu Kuronjan huwa Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO u l-unika binjiet li suppost huma permessi apparti l-insedjamenti uffiċjali huma għorfiet jew gabbani tas-sajd.[6]

L-ikbar belt tal-istmu fin-naħa tal-Litwanja hija Nida, li hija destinazzjoni popolari għall-vaganzi, li jżuruha l-iktar it-turisti Litwani u Ġermaniżi. Il-kosta fit-Tramuntana tal-Istmu Kuronjan fiha diversi bajjiet bir-ramel.

Id-duna u l-arloġġ tax-xemx ta’ Parnidis

[immodifika | immodifika s-sors]
L-arloġġ tax-xemx ta’ Parnidis

Id-duna tar-ramel ta’ Parnidis inġemgħet bis-saħħa tar-riefni li jaħkmu ż-żona kull sena u tlaħħaq għoli ta’ 52 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Residenti lokali huma tal-fehma li l-isem tad-duna ta’ Parnidis ġej minn frażi li tfisser “għadda minna Nida”, minħabba li din id-duna kemm-il darba għaddiet mill-belt bir-riħ. Ix-xjenzati jistmaw li kull persuna li tixxabbat mad-duna jew li tinżel minnha, mingħajr ma taf iċċaqlaq tunnellati sħaħ ta’ ramel, u għalhekk it-turisti jitħallew jimxu biss fuq ftit mogħdijiet tal-injam biss.

Hemm arloġġ tax-xemx magħmul mill-granit li nbena fuq id-duna ta’ Parnidis fl-1995 bħala monument li juri l-ħin ta’ binhar bir-reqqa. L-arloġġ tax-xemx reġa’ nbena fl-2011 wara xi ħsarat ikkawżati minn maltempata. L-arloġġ tax-xemx huwa pilastru tal-granit għoli 13.8-il metru u jiżen 36 tunnellata. Madwar l-arloġġ tax-xemx hemm taraġ żgħir miksi bil-granit imnaqqax b’sinjali għas-sigħat u għal kull nofsiegħa wkoll. Barra minn hekk, hemm sinjali wkoll għal kull xahar, kif ukoll għaż-żewġ solstizji u għaż-żewġ ekwinozji. Mill-puntdivista astronomiku, id-duna ta’ Parnidis tinsab f’post ideali fil-Litwanja.[7]

Tħassib ambjentali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-mogħdijiet tal-injam fuq id-duni

Minkejja li l-Istmu Kuronjan spiss jiġi promoss bħala post naturali nadif, xorta waħda hemm tħassib ambjentali.

Minħabba l-importanza tat-turiżmu u tas-sajd għall-ekonomija reġjonali, it-tniġġis tal-baħar u tal-kosti jista’ jkollu effetti diżastrużi għan-natura u għall-ekonomija taż-żona.

Il-kostruzzjoni ta’ faċilità ta’ tħaffir għaż-żejt lil hinn mill-kosta (l-impjant ta’ Kravtsovskoye (D-6)) fl-ilmijiet territorjali tar-Russja, xi 22.5 km mill-kosta tal-Istmu Kuronjan, qajjem tħassib dwar il-possibbiltà ta’ rqajja’ taż-żejt f’każ ta’ ħsara. Bejn l-2002 u l-2005, l-ambjentalisti lokali fl-Oblast ta’ Kaliningrad u fil-Litwanja pprotestaw kontra l-pjanijiet ta’ Lukoil li jkomplu bl-isfruttament tar-riżorsi permezz tal-impjant, u oġġezzjonaw minħabba s-sogru ta’ diżastru ambjentali li jista’ jeqred it-turiżmu (sors vitali ta’ introjtu għaż-żona). Dan it-tħassib ma ġiex appoġġat mill-gvern tar-Russja, minkejja li kien appoġġat mill-gvern Litwan. L-impjant tat-tħaffir taż-żejt jinsab xi erba’ kilometri mill-konfini tal-ilmijiet territorjali Litwani; il-kurrenti prevalenti fit-Tramuntana jfissru li f’każ ta’ ħsara jew diżastru, l-iktar li potenzjalment jaqilgħuha jkunu l-kosti Litwani. L-oppożizzjoni kontra l-operat tal-impjant D-6 ma tant irċeviet appoġġ internazzjonali, u l-impjant infetaħ fl-2004. Matul l-ewwel deċennju tas-seklu 21, ir-Russja u l-Litwanja qablu li ssir valutazzjoni ambjentali konġunta tal-impjant D-6, inkluż tal-pjanijiet għall-mitigazzjoni tal-irqajja’ taż-żejt. Madankollu, il-proġett ta’ valutazzjoni u ta’ mitigazzjoni baqa’ qatt ma tlesta sal-2010.[8]

Tħassib ieħor huwa li ż-żieda fit-turiżmu jista’ jeqred in-natura stess li tattira lit-turisti. Għal din ir-raġuni, ittieħdu miżuri protettivi, bħall-projbizzjoni tal-aċċess tat-turisti f’ċerti postijiet tal-Istmu Kuronjan għajr minn mogħdijiet tal-injam apposta.

Id-diżastri naturali huma ferm iktar perikolużi fl-Istmu Kuronjan minn inħawi oħra fil-Litwanja jew fl-Oblast ta’ Kaliningrad. Pereżempju, il-maltempata għandhom it-tendenza li jkunu iktar qalila fejn l-Istmu Kuronjan. Minħabba l-importanza tas-siġar għall-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija, in-nirien fil-foresti li ġieli jkun hemm fis-sajf huma iktar perikolużi għall-ekoloġija lokali.

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istmu Kuronjan ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO transnazzjonali tal-Litwanja u tar-Russja fis-sena 2000. Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (v) tal-għażla tal-UNESCO: “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”.[1]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Curonian Spit". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-28.
  2. ^ a b "LANDSCAPE". www.nerija.lt. Miġbur 2021-03-28.
  3. ^ Weise, p. 159.
  4. ^ "Kaliningrad | History, Population, & Map". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-28.
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Curonian Spit". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-28.
  6. ^ "Lithuania: The Battle for the Curonian Spit".
  7. ^ "The sundial on the Parnidis dune". Miġbur 2021-03-28.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "32 COM 7B.98 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-28.